Għat-telgħa kull qaddis jgħin

Posted on October 8, 2007 by

3


r3_6_6j_alexanderii.jpg

Merħba mingħandi wkoll bħala amminstratur ta’ dan il-blogg dwar l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Minkejja x-xaqliba ddikjarata li se jkun hemm fi tmiem kull bloggata (ħaġa li se jkollu jagħmilha kull min jikteb hawn), se nżomm ċertu distanza mill-partiġġjaniżmu espliċitu u se nuża dan il-blogg aktar biex nikkumenta dwar kif għajnejja qed jaraw din l-elezzjoni tiżvolgi, mill-ottika partikolari ta’ xi ħadd li ma jgħixx id-distrett elettorali, għax jinsab barra minn Malta (u min jaf jekk hux ser jinqata’ mir-reġistru), u għalhekk ikollu jara u jifhem x’inhu għaddej mill-miktub, il-mitħaddet u l-muri li jista’ jaċċessa minn fuq l-Internet. 

Il-virtwali, bħala kontenitur tat-tliet modi ta’ komunikazzjoni msemmija fuq, jaf ukoll jibda jkun determinanti fl-elezzjoni li ġejja. Mhux tant daqs kemm diġà hu fl-Amerika, per eżempju, iżda b’xi mod il-galoppini ġa għandhom xamma ta’ kif jistgħu jużaw l-Internet biex ilaqqtu aktar voti, speċjalment mill-ġenerazzjoni, fosthom dik ta’ min se jivvota għall-ewwel darba, li għalihom huwa parti mill-aktar essenzjali tal-ħajja soċjali tagħhom. Il-battalja virtwali, fil-fatt, ġa bdiet. Forsi dan il-blogg huwa wkoll sintomu tagħha. Inbdiet, madankollu, mhux minn dawk bħal Jacques u bħali li mhumiex se jaraw fuljett wieħed fil-kaxxa ta’ l-ittri u mhu se jħabbtilhom ħadd, imma minn uħud li, fost il-passatempi sinkopanti tagħhom, (forsi wkoll bħal Fausto) iġemmgħu kull xorta ta’ “filmati , kotba , gazzetti tal-kampanji elettorali kollha.” Lil Jurgen Cassar kulħadd kien jistaqsih għala: kien jirrispondi li ma jafx, u kien jissoponi li jiġi bżonnhom, jew forsi uliedu. Imma malli qabad id-delizzju (sic) tal-kompjuter, balleċ ġie bżonnhom! U rregalana bl-issa mitiku Mill-Fosos għal B’ buġa, b’Gonzi qisu Charlton Heston fil-Ben Hur u Sant aktar Punch milli Judy.

Wieħed jiddubita kemm din il-kampanja virtwali, almenu għalissa, hija orkestrata konxjament mill-magni tal-partiti. Cassar jidher persuna li għandha ħafna ħin għaliha quddiem l-iskrin, trekken kull tentufa politika u tehda iġġannatha u torqomha, biex ixxandarha għall-akbar glorja tal-partit. Hija għodda effettiva, għax sa waqt din il-kitba, il-vidjow daħlu fih aktar minn 18,000 utent, u l-internet, bħal ma ġara f’kampanji barranin, isir id-dar l-ideali li fiha tilqa’ l-ikkampanjar negattiv. Kampanji bħal dawn, li f’pajjiżi oħra jsiru fil-beraħ u b’laqta ċajtiera, jafu jnaffru u jibqgħu f’wiċċ il-partit (staqsu ‘l Bondì), kif ukoll jiġbdu ċ-ċensura ta’ l-Awtorità tax-Xandir. Ngħiduha, mhemmx bżonn nitteorizzaw wisq, għax b’mod jew ieħor, il-kampanji huma negattivi minnhom infushom, u l-ħdura m’għandekx bżonn tkun xi għaref informatiku la biex tagħarafha u lanqas biex ixxerriddha.

Anki jekk il-partit proprja ma jkollux sebgħu mdaħħal fit-torta, xorta waħda jkollu xibka informali ta’ akkolti li jieħdu l-inzjattiva huma. Il-Facebook ġa jilqa’ l-PN u l-AD, bi gruppi maħluqa minn individwi mhux eżattament tal-qalba, u Angelito Sciberras jitfa’ regolarment it-tħabbiriet ta’ l-attivitajiet tan-Nazzjonalisti. L-istess għall-kandidat żagħżugħ Karl Gouder li x’aktarx m’għandux ir-rizorsi biex iqażżek bil-fuljetti, imma għaraf il-virtwali bħala l-fruntiera l-ġdida tal-kampanji elettorali.

Is-sinkopanti, l-iffissati li ma ddawwarhom b’xejn, qishom il-qaddisin li jgħinu fit-telgħa. Daphne mhix mara injoranta, u għalhekk ir-riferenza reċenti tagħha għal-Laburisti li jiktbu l-ittri fuq it-Times, ma tridx teħodha bħala l-kumment ta’ waħda li twieldet ilbieraħ. Taf il-mekkaniżmi tal-partiti, u dawritha fuq l-MLP. Taf li kull partit, mill-ikbar sa l-iżgħar, għandu gaj ta’ nies li lesti jsellfu isimhom lil ittri, is-soltu miktuba minn id waħda iżda mhux bilfors, biex jimlew il-paġni strateġikament biex iseddqu messaġġ. Wara Bondiplus tal-ġimgħa li għaddiet, il-kittieba tal-Labour ħarġu l-paniġierku favur Sant, minkejja li jidhru nani quddiem il-baraxx kontinwu li ilu għaddej min-Nazzjonalisti.

Tant hu hekk, Daphne ddeskribithom bħala ‘elves’, jiktbu ħabrieka u ħawtiela biex jożannaw il-partit. Biex tilgħabha tal-ħmar biex ma jħallasx dwana, iddubitat kemm pataflun ittri fuq it-Times jaf idawwar il-fehmiet, imma qisha t-traba f’għajnejn in-Nazzjonalist ma rathiex. L-ismijiet tibda tagħrafhom, u tista’ tagħmel l-imħatri dwar kemm ittri se jidhru jumejn wara ġrajja ta’ importanza strateġika għal partit jew ieħor.Isem li jiġini f’moħħi huwa Angelo Micallef, Marsaxlokk. Iva, dak ismu għax fil-gazzetta, issir persunaġġ, bla demm wisq inqas laħam. Madankollu, bħal Cassar li jgħaddi ħinu jifqa’ l-youtube, Micallef ukoll għandu ħafna żmien x’jgħaddi, u żgur dax-xogħol jagħmlu minn jeddu u mhux imqabbad direttament mill-parit. Forsi tiftakruh meta kien iżgħar bħala dak l-enfant prodige fuq Xarabank, li jifhem f’kollox, ma jħobbx it-tfajliet u d-diskows, u jrid isir Prim Ministru. Jista’ jkun li anki l-partit nesieh jew bilkemm jaf min hu, imma ittra qasira f’waqtha jaf joħroġhielek kif ġieb u laħaq, daqs klipp editajat kif imiss minn xi ħadd bħal Jurgen Cassar.

Individwi bħal dawn huma l-eroj qatt magħrufa u qatt meqjuma ta’ l-elezzjonijiet kollha. Mistura, jagħtu l-palati, u bħal qaddisin ta’ l-għerf antik ta’ missierijietna, jagħtu dik l-imbuttatura, ċkejkna iżda xorta tiswa, lejn il-quċċata tar-rebħa.

Mark Vella (xellugi liberali – aħdar / Alternattiva Demokratika)

Advertisements