Endorsjali dan…

Posted on October 12, 2007 by

2


michaelmifsud_useinside.jpg

Forsi jikkoreġġuni oħrajn, imma l-idea ta’ l-endorsements, fejn personalità magħrufa toħroġ pubblikament favur kandidat, daħlet f’Malta pjuttost reċentament. Idea oħra tal-konsulenza politika Amerikana, rajniha anki f’każi mhux partiġġjani bħal Rock the Vote, fejn mużiċisti popolari fl-Istati Uniti jistiednu, bis-saħħa tal-personalità tkaxkar tagħhom, lin-nies (jew aħjar, is-settur partikolari taż-żgħażagħ konsumaturi ta’ l-MTV) biex joħorġu jirreġistraw għall-vot.

X’aktarx li kien  Joseph Muscat l-ewwel li uża din l-istrateġija bis-sħiħ waqt il-kampanja tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004. Taħlita magħżula sew ta’ personalitajiet li b’xi mod jolqtu setturi differenti, mill-ex-Ministru Karmenu Vella saċ-ċampjin tal-biljard Pawlu Mifsud, jidher li rnexxielha tgħin fil-kampanja għall-konvinzjoni ta’ biżżejjed nies madwar il-gżejjer biex jagħżlu lil Muscat minn fost kandidati Laburisti oħra.

L-endorsjar (ħa nsejħulu hekk fin-nuqqas ta’ kelma bil-Malti) jagħti kredibbiltà lil dak li jkun, bl-effett tal-karru li jibdew jirkbu fuqu n-nies bil-mod il-mod għax jidher li se jeħodhom post isbaħ minn dawk li qed jipproponu l-oħrajn. Muscat kien irnexxielu jagħżel nies li jappellaw għal setturi differenti, u stħarriġ ħafif jikxef il-ħsieb strateġiku biex l-endorsjaturi jappellaw kemm għall-qalba Laburista iżda wkoll għal votanti oħra li dakinhar kienu aktar ħielsa biex jivvotaw mod ieħor u anki jxerrdu l-vot fuq nies minn kampi politiċi differenti.

Il-kampanja ta’ Arnold Cassola wkoll ħaddmet din l-istrateġija. Fil-każ ta’ l-Alternattiva, tat wiċċ lill-partitarji u rnexxielha b’xi mod ixxellef il-mit ta’ l-‘erbat iqtates’ (li f’daqqa waħda saru 23,000), u tat kunfidenza lill-eletturi li hemm nies bħalhom u bl-istess aspirazzjonijiet li kienu se jagħżlu ‘l Cassola. L-AD forsi kienu aktar sottili minn Muscat, forsi għaliex li ‘toħroġ għonqok’ favur l-Alternattiva kienet għadha novità u anki tnaffar lil x’uħud. Madankollu, dakinhar ħadd ma għamel xi kapital oxxen minn din it-tattika u kien interessanti tara min qed jappoġġja ‘l min, anki meta kienu personalitajiet minuri iżda li ntgħażlu biex jolqtu settur speċifiku.

L-aħħar eżempju ċar ta’ endorsjar sar ftit ilu fil-Kunsill Ġenerali tal-PN. Xi ittri fit-Times ta’ llum qishom xammew dak li ġara lil Michael Mifsud, l-aħħar eroj Malti. Bħal fil-każini u għand il-growser u l-avviżi ‘No Politics’, hija sinjal ta’ korteżija u anki ċiviltà bażika li f’pajjiż fejn il-parrokkjaliżmu u t-tribaliżmu politiku huma tant imfannda, wieħed jimpoini regola biex joffri spazju u daqsxejn nifs fejn wieħed jista’ jirrelata mal-proxxmu mingħajr ma jqislu lewnu.

Il-Partit Nazzjonalista qisu ma rrispettahiex din il-korteżija, u biex jasal fejn għandu jasal, u anki biex juri kemm hu savvy fl-istrateġija, qabad u deffes lil Mifsud bħala fus ieħor fil-magna tiegħu. Sa ftit ġimgħat ilu, Malta għalenija kienet qed tqimu, imma naħseb li l-Kunsill Ġenerali tal-PN serva biss biex ipaxxi lin-Nazzjonalisti tal-qalbanett, ikompli jnaffar lill-oħrajn kollha, u forsi joħloq xi ftit għedewwa siekta għal Michael.

Ma nafx u ma jimpurtanix x’kulur hu Michael, imma naf li hu tifel kwiet, u nixtieq ħafna nemmen li ddaħħal f’nassa u ma setax joħroġ minnha. Għax ħaġa jilqgħek il-President u ħaġa oħra jboss bik Gonzi, bħal dak li qallu li jekk jibqgħu fil-gvern il-PN, sa l-2015 se nkunu rbaħna t-Tazza tad-Dinja, bħala parti mit-tipa ż-żgħira miktuba f’qiegħ il-viżjoni Nazzjonalista għall-ġejjieni qarib. Jekk Mike mar minn jeddu, naħseb li ċċewweċ, għax minkejja li jibqa’ maħbub għal dak li għamel għal pajjiżu u bħala bandiera lil hinn minn xtutna, se jkun hemm bosta li weġgħu b’xi mod u jibqgħu jbejtu antipatija, siekta u mliġġma, anki jekk ċkejkna ħafna.

Wieħed irid jara kemm din it-tattika hijiex sejra tgħin lill-PN, għax mit-teorija ta’ l-ispinn għall-fatti, hemm baħar jikkumbatti. Gonzi, fil-fatt, kull ma jmur qed joħroġ tan-nerd, bħal ma ssuġġerixxa James Debono, li jipprova jogħla u jidher billi jiftaħar bil-prosit li tawh l-oħrajn jew billi jitħabbeb ma’ min għandu r-riħ fil-qala.

Il-metafori tat-tbaħħir naħseb għaraftuhom u għalhekk mhux se nikkonkludi bit-tmien l-ovvju. Wieħed jistenna biex jara jekk il-magna tal-PN hijiex tassumi li t-tmiem ta’ għemilha se jkun ovvju, minkejja l-effett medjatiku immedjat li bih tħoss li skurjajt doppjetta storika.

Advertisements