Folle Folletto

Posted on October 24, 2007 by

0


samplescript2.gif

Stajt ktibt dwar il-baġit, imma kont inkun qed nonoqs mill-wegħda li nżomm lili nnifsi osservatur b’xaqliba, sew għax il-baġit m’għadux jolqotni direttament u sew għax diffiċli żżid aktar ma’ dawn l-estimi, humiex elettorali jew inkella verament raxx ta’ ġid li beda ġej wara snin ta’ sagrifiċċji. Stajt ukoll ikkumentajt, biex ma nidhirx wieħed mill-ftit Kassandri (fost il-MLP tal-ftit ħafna…tard wisq, il-GWU l-imqarba mmansata, u l-ekwilibriju kritiku ta’ l-AD), li mhux il-ħobż biss…u jista’ jkun li hemm biċċa elettorat li xorta waħda ma tivvutax mod minkejja li butha itqal b’lira u nofs fil-ġimgħa, u tivvota modi oħra għax jiswew ukoll l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, dritt ċivili bħad-divorzju, il-korruzzjoni, it-trasparenza…

Nixtieq minflok nitkllem dwar il-kxif ta’ l-elves Laburisti li madankollu ma kinitx Daphne li qalbitilhom, bħallikieku fi żjara perversa lill-ġrajja ta’ Bajda Silġ li did-darba tkun l-għadu maħlufa tas-Seba’ Nani. Kien Noel Grima, editur tal-Malta Independent, li bħala gazzetta rqajqa li timla żewġ paġni bl-avviżi tat-tribunali lokali, spiss issib problema biex timla l-bqija. Madankollu, problemi editorjali bħal dawn jafu joħorġu l-ġawhar minnhom, għax jinsiltu aħbarijiet daqstant b’sugu minn ġrajjiet semi-privati li s-soltu ma jikkwalifikawx għar-rappurtaġġ ġurnalistiku.

Imma din keinet il-proverbjali xoqqa f’moxtha. Għax wara l-ispekulazzjoni makakka dwar l-ittri ‘ppustjati’ fil-gazzetti, u wara li, umilment, jien kxift il-mekkaniżmu mħaddem minn KULL partit f’każi bħal dawn, balleċ jinkixfu n-nani ħawtiela ta’ Sant. X’aktarx il-misħuta reply-all marret fin-nofs, jew forsi kunjom komuni, u l-istruzzjonijiet lill-fanterija spiċċaw għand l-assistent editur tal-gazzetta, e il resto e’ storia….Anki l-email, apparantement innokwu, jista’ jkun b’xi mod determinati, f’sens ta’ gaffijiet, għal din l-elezzjoni. Bħala ma ġara wkoll milux fil-każ ta’ ġurnalisti tal-MaltaToday li rċevew korrispondenza minn uffiċjali tal-gvern jistaqsu lill-Ministru jekk għandhomx jinjoraw lill-ġurnalist li beda jġibhom daharhom mal-ħajt.Imma ftakart f’inċident ieħor, li x’aktarx ma jaf ħadd bih, dwar naniżmu elettroniku tat-tip tal-min imaqdar irid jixtri, jew xi ħaġa hekk. Fi żmien, il-kontroversja tal-korsa tal-golf u l-lukanda tal-Verdala, Anġlu Xuereb ipprova jbatti l-ambjentalisti billi qabbad kumpanija tal-PR. Kienet il-Proximus, ta’ ħadd ħlief is-Sinjura Caruana Galizia: ma niftakarx jekk kinitx tikteb f’isimha, imma insomma, żmien minnhom il-gazzetti kienu maħnuqa bl-eloġji għall-viżjoni straordinarja ta’ l-AX Holdings. Bejn advertorial u opinion, anonimi u mhumiex, Daphne tagħna kienet ukoll qed taħdem bla heda fl-għar ta’ Xuereb, li llum xebgħet tgħaddi lilu ‘l sħabu ta’ l-AN biż-żuffjett.L-Alternattiva kienu fost il-kor ta’ diżapprovazzjoni għal dan il-proġett. Darba minnhom, Claudette Pace, li dak iż-żmien kellha l-istazzjoni televiżiv MaxPlus, stiedent lil Xuereb, fis-saħna tal-kwistjoni, jitkellem dwar il-proġett. Xi ħadd daqsxejn żeluż iżżejjed – nanu ieħor- kiteb lil kull min kien abboanat fin-newsgroup Yahoo! ta’ l-AD biex jibbumbardjaw il-programm bit-telefonati. Oħroġ il-għaġeb, dakinhar stess, ftit sigħat wara, Xuereb joħroġ kopja ta’ din l-email iċċirkolata biex jikxef il-‘mibegħda’ ta’ l-attivisti kontrih.Min bagħthielu? Kien hemm xi spjun idur fil-kmajriet ta’ l-AD? L-amministratur tan-newsgroup minnufih kien sab id-duda u qeridha, imma faċli ħafna ssir nanu u tidħol fil-kamp ta’ l-avversarju, bħal Toni Bajada huwa u jgħun lejn in-naħa tat-Torok, u daqstant faċli biex jaqbdux, iħanxrulek rasek, u jibagħtulek ġismek imsallab imewweġ ħelu tul il-port.

Mark Vella (liberali/xellugi- Alternattiva Demokratika

Advertisements
Posted in: Media & Politics