Terinati u bluhat oħra (Updated)

Posted on February 6, 2008 by

2


Fausto Majjistral jafha sew l-istorja u ma tmerihx malajr. Kiteb dwar il-ġrajja ta’ Ettore Bono, imlaqqam Terinu li, imqabbad min-Nazzjonalisti taż-żmien, ħalef li ra ‘l Strickland liebes ta’ mażun, u l-affidavit tiegħu nxtered mal-Belt fuq karti volanti eżatt lejlet l-elezzjoni. Minnu, Strickland xorta tela’ u ma effettwatux il-biċċa, imma minn dakinhar ‘il quddiem, il-PN beda jitgħallem il-magna politika sakemm wasal biex jafha bl-amment u sar kważi invinċibbli. Tul dan it-tagħlim, tkisser ukoll fl-arti tal-gambetti, bħal meta jkollok logħba tal-kompjuter u tnizzel iċ-cheats biex tirbaħ dejjem u taqbeż minn livell għall-ieħor.

L-Alternattiva tbenġlu sew b’dawn il-gambetti ta’ lejlet l-elezzjoni: l-istorja ta’ l-abort, il-block vote u l-vot moħli, l-appell imqanqal ta’ Fenech Adami lejlet ir-referendum li kisser l-alleanza favur l-Ewropa f’inqas minn kwarta. U l-MLP ukoll: fid-dibattitu eżatt qabel jum ir-riflessjoni, EFA jixli ‘l Sant li dan ċaħħadlu ‘l ibnu milli jidħol l-Università, b’dak il-leħen irqajjaq li jitla’ kważi għal twerżiqa mbikkma, qatt mifni bid-dubbju, u mbagħad niskopru li mid-dehra Sant ma kienx fuq dak il-bord ta’ l-intervisti, u rebaħlu libell.

It-terinati, mela, ghadhom magħna, u sikwit isiru billi jitqabbad iblah. Bono, mid-dehra, kien xi balalu mqalfat minn dawn li kull raħal ikollu, u nxtara bix-xejn biex jixhed il-falz jew in-nofs veru, u biex iniggeż il-kuxjenzi ta’ soċjetà ibleh minnu li kienet ghadha temmen bin-nies itiru u bil-fatati. Anthony Licari ghalhekk javżana nkunu lesti għal xi waħda, il-qoxra tal-banana li għad iħallu l-PN biex jiżolqu fuqha tal-Labour. Imma jista’ jkun li l-MLP għandhom waħda tiżloq ħafna aktar.

Mix-xejn ħarġilhom ċertu Jo Said, li s’issa ħadd ma jaf wisq x’ħobż jiekol (biex lanqas Daphne ma taf). L-istorja qed tkompli titħabbel sew, ghax filwaqt li Said jidher li jista’ jkollu xi lanzita għax ma sarx chairman ta’ l-MTA, mid-dehra għandu ħafna aktar x’jikxef, ħa affidavit huwa wkoll, u mid-dehra hemm xi recordings li qed jinżammu x’imkien fil-komma għal meta jasal il-waqt. Jidher ukoll li dan Said mgħammar bl-attributi, ghax wasal biex għamel konferenza stampa spontanja quddiem Kastilja waqt li l-Prim kien qed iħabbar l-elezzjoni, u qed jingħad li qed imur jizzika lin-Nazzjonalisti taħt it-tined.

Għadu qisu hadd ma jaf x’fatta dan Said. Ghax mhux pampalun bhal Michael Woods li, għax tnaffar li huh qed jiġi investigat (ghax kien jgħaddik bord jekk ittih tiġieġa), mar jiftaħ idejh fil-konferenza ġenerali tal-Labour jgħajjat ‘Hawn hu’, bħal tal-pitrolju jew tal-ħut. Dan Said, meħud kif tarah, jidher li ghandu x’jikxef u mweġġa’ sew, u qisu lest ipattihilehom waħda tajba.

Li laqatni kienet stqarrija fejn qal li xi tlett ijiem qabel il-Milied, kien għand Gonzi Kastilja u għamel siegħa u nofs jeqridlu dwar il-korruzzjoni. U Gonzi x’għamel? Said ammetta li ma tantx jaf Malti, imma traduttur eċċezzjonali: he was smirking at me, kien qed jitmellaħ bija. Tbissimt, u immaġinajt ix-xena, u ġibt quddiem għajnejja dik id-daħka tipika ta’ Gonzi li tant iddarras nies.

Fi ftit kliem, ħarġu ta’ iblah. U l-propaganda Nazzjonalista, kemm dik uffiċjali kif ukoll dik li mhix, bhal Daphne u Lou, qed joħorġuh ta’ miġnen, jekk jista’ jkun bil-provi. Jista’ ma jkunx kollu f’postu r-ragel, kif tirrakkonta Daphne llum fl-ahhar novella tal-klassi tiċċaċċra (li jintefgħu fil-ftit metri kwadri bejn is-Saddles u Peppino, mhux bilfors għax Slimiżi bħali, Daphne dear), imma qisu d-destin tiegħu qed jinkiteb bil-mod il-mod.

Għax, jekk ma jaqbadx u jaħrab Londra minn fejn ġie, tbeżbiża tajba ma jneħħihielu ħadd. Mhux għax ħaqqu jew ma ħaqqux, imma nafu kif inhi Malta tal-politika (anki issa, jien u nikteb minn sorm l-Ewropa, qed nittawwal warajja għal li jista’ jinqala’). Jekk jibqa’, naħseb li se jlaqqatha miż-żewg naħat. Għax waqt li jkun qed jinqaras u jingħafas ħelu ħelu mill-morsa Nazzjonalista, il-Labour se jkunu qed jaħilbuh qatra qatra sakemm jinxef u jitilqu jsaffru, idejhom fil-but u jħarsu lejn l-art, taparsi m’aħniex minn hawn, sieheb.

Il-bluha xafra taqta’ minn kullimkien. Taf tkun bħal Terinu li baqa’ fl-istorja bħala l-miskin li l-Insara sabuh għal snienhom, jew tkun beżżul tintefa’ f’kazin il-Gudja u kieku m’għaddejtx minn fejn l-antiporta f’dak il-mument preciż, kont tkun qiegħed fil-kwiet ma’ martek u wliedek flok titqqlleb f’qabrek bla ġustizzja kull meta naslu għall-vot. Jew forsi tkun bhal dak li tmur tieħu tiegħek mingħand Mintoff, tidħol Kastilja mhux tintasab quddiemha, u jispiċċaw joħorġuk ta’ miġnun, jaqfluk Frankuni u ssir dak li jrid joqtol lill-Kbir Leader Tagħna.

Jew iblah int jew ibellhuk. Imma l-biki tal-buffu jibqa’ mistur wara li tkun għalqet il-pantomima.

Mark Vella

UPDATE: Letter on Maltatoday from Jo Said

Advertisements
Posted in: Electoral Themes